Scroll Top
Eċċellenza fl-Għarfien taż-Żgħażagħ
Ġunju 2019

Il-YIOSS (Youth Information One Stop Shop) fi ħdan l-Aġenzija Żgħażagħ se jinżel Malta mis-Slovenja bi premju prestiġjuż f’idejh. L-Aġenzija Żgħażagħ, membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Karta Żgħażagħ (l-EYCA) rebħet il-premju ta’ Eċċellenza fl-Għarfien taż-Żgħażagħ matul il-35 Assemblea Ġenerali tal-EYCA

L-avveniment annwali, li jgħaqqad l-organizzazzjonijiet u l-membri kollha fi ħdan l-EYCA, jirrikonoxxi l-impenn ta’ dawn l-istess membri, fl-iżvilupp ta’ proġetti fis-settur taż-żgħażagħ fuq livell Ewropew. L-Aġenzija Żgħażagħ – l-aġenzija nazzjonali taż-żgħażagħ f’Malta – għandha l-għan li tintegra kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ u tiżviluppa aktar is-servizzi għaż-żgħażagħ.

Dan il-premju jirrappreżenta l-eżitu pożittiv u l-ħidma kostanti tal-YIOSS, wara l-parteċipazzjoni tal-aġenzija waqt il-kampanja #giveavote; fejn iktar minn 3000 żagħżugħ u żagħżugħa rċivew edizzjoni speċjali tal-Karta Żgħażagħ.

Barra minn hekk, din il-kampanja għenet liż-żgħażagħ sabiex jirċievu informazzjoni relevanti dwar il-funzjoni tal-Unjoni Ewropea bil-għan li jieħdu deċiżjoni infurmata waqt l-elezzjonijiet tal-Membri Parlamentari Ewropej. Din il-kampanja ġabet abbord żewġ detenturi tal-karta żgħażagħ biex ikunu l-attivisti ewlenin f’din il-kampanja. Wara taħriġ intensiv, l-attivisti żgħażagħ ħadmu id f’id mal-YIOSS biex ipoġġu fl-azzjoni pjan orjentat għaż-żgħażagħ. Imma dan ma kienx biżżejjed; ħames detenturi oħra tal-karta żgħażagħ attendew youth exchange rilevanti għall-kampanja #giveavote.

Leave a comment